Kohesio: skopri proġetti tal-UE fir-reġjun tiegħek

Protezzjoni tad-data personali tiegħek

Operazzjoni ta’ pproċessar: L-ipproċessar tad-data personali fuq is-siti web tal-Kummissjoni Ewropea (fid-dominju europa.eu), inklużi l-indirizzi IP, mill-viżitaturi tas-siti web disponibbli għall-pubbliku.

Kontrollur tad-Data: Il-Kummissjoni Ewropea

Referenza tar-rekord: DPR-EC-00083

Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hi impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tipproċessa b’mod ulterjuri d-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega r-raġuni għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru, nittrattaw u niżguraw il-protezzjoni tad-data personali kollha pprovduta, kif dik l-informazzjoni tintuża u liema drittijiet għandek fir-rigward tad-data personali tiegħek. Tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li miegħu tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-informazzjoni relatata mal-operazzjoni tal-ipproċessar “Ipproċessar tad-data fuq is-siti web tal-Kummissjoni Ewropea (fid-dominju europa.eu)” imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea hija ppreżentata hawn taħt.

Għalfejn u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

L-għan tal-operazzjoni tal-ipproċessar: Id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, inkluż id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni, joffru għadd kbir ta’ siti web li jinsabu fuq infrastruttura miżmuma mid-Direttorat Ġenerali għall-Informatika. L-istruttura teknika tiġbor u tuża l-informazzjoni personali tiegħek biex tkun tista’ tipprovdi s-siti web tal-Kummissjoni Ewropea fid-dominju europa.eu, u li jinsabu fiżikament fuq l-infrastruttura tal-hosting ikkontrollata mill-Kummissjoni.

Meta taċċessa sit web tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea tirċievi bħala rekwiżit tekniku essenzjali l-indirizz tal-Protokoll tal-Internet (indirizz IP) jew l-ID tal-apparat użat biex taċċessa s-sit web.

Id-data personali tiegħek mhux se tintuża għal teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta’ profili.

Fuq liema bażijiet ġuridiċi nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Nipproċessaw id-data personali tiegħek, għaliex:

  1. L-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali vestita fl-istituzzjoni jew korp tal-Unjoni (l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2018/1725).
    L-infurmar tal-pubbliku ġenerali huwa kompitu li jirriżulta mill-prerogattivi tal-Kummissjoni Ewropea stess fil-livell istituzzjonali, kif previst fl-Artikolu 58(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2018/1046 tat-18 ta’ Lulju 2018 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1). Aħna niżguraw li jiġu implimentati salvagwardji adegwati u speċifiċi għall-ipproċessar ta’ data personali, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.
  2. Għal attivitajiet speċifiċi ta’ pproċessar, huwa meħtieġ il-kunsens tas-suġġett tad-data. F’konformità mal-Artikolu 3(15) u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-kunsens irid jingħata b’mod liberu, speċifiku, infurmat u mhux ambigwu.
    Inti tajt il-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek għal għan speċifiku wieħed jew aktar (l-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament (UE) 2018/1725) .
    Ksibna l-kunsens tiegħek direttament mingħandek. Forsi esprimejt dan permezz ta’ email, bgħattu permezz ta’ formola ta’ reġistrazzjoni elettronika, jew fi kwalunkwe forma oħra bil-miktub.

Liema data personali niġbru u nipproċessaw b’mod ulterjuri?

Sabiex iwettaq din l-operazzjoni ta’ pproċessar id-Direttorat Ġenerali għall-Informatika jiġbor il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:

Indirizz tal-Protokoll tal-Internet (indirizz IP) jew l-ID tal-apparat użat għall-aċċess għas-sit web.

Mingħajr dan l-ipproċessar ma tkunx tista’ tistabbilixxi konnessjoni teknika bejn l-apparat tiegħek u l-infrastruttura tas-server miżmuma mill-Kummissjoni Ewropea u għalhekk ma tkunx tista’ taċċessa s-siti web tal-Kummissjoni Ewropea.

Fil-kuntest tal-Kohesio, l-indirizz IP tiegħek jintuża biex tiġi dedotta l-pożizzjoni ġeografika tiegħek, filwaqt li tintuża l-funzjoni “Proġetti qrib tiegħi”, li tippermetti li jiġu lokalizzati l-proġetti kollha ffinanzjati mill-politika Reġjonali li jinsabu madwarek. Din l-informazzjoni tiġi pproċessata biex tippermetti l-funzjonament xieraq tal-karatteristika “Proġetti qrib tiegħi” iżda d-data tiegħek ma tinżammx.

Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?

Id-Direttorat Ġenerali għall-Informatika tal-Kummissjoni Ewropea jżomm biss id-data personali tiegħek għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-ġbir jew tal-ipproċessar ulterjuri, jiġifieri għat-tul tas-sessjoni tal-ibbrawżjar. Fil-kuntest tal-Kohesio, id-data tal-indirizz IP ma tinżammx.

Kif inħarsu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data personali kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, bażijiet tad-data, lottijiet tad-data applowdjati, eċċ.) jinżammu jew fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea jew f’dawk tal-kuntratturi tagħha. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma marbuta bi klawżola kuntrattwali speċifika għal kwalunkwe operazzjoni ta’ pproċessar tad-data tiegħek f’isem il-Kummissjoni, u bl-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-Istati Membri tal-UE. (”GDPR” Ir-Regolament (UE) 2016/679).

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju tat-telf ta’ data, il-modifika ta' data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-għanijiet ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar.

Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek huwa pprovdut lill-istaff tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni ta’ proċessar u lill-istaff awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Dan l-istaff jirrispetta ftehimiet statutorji, u meta meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

Barra minn hekk, l-aċċess għad-data personali tiegħek jista’ jiġi pprovdut lil kuntratturi esterni li jaħdmu f’isem u taħt ftehim kuntrattwali mas-servizz tal-Kummissjoni li jippossjedi s-siti web u li huma involuti fil-ħolqien, il-manutenzjoni, il-ġestjoni, u l-arkivjar ta’ siti web skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”.

L-informazzjoni li niġbru mhu se tingħata lil ebda parti terza, ħlief sal-punt u għall-fini li nistgħu nkunu meħtieġa li nagħmlu dan bil-liġi.

X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?

Inti għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa, tikkoreġi jew tħassar id-data personali tiegħek u d-dritt li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Fejn applikabbli, għandek ukoll id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar jew id-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Għandek id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, li qed titwettaq legalment skont l-Artikolu 5(1)(a).

Int tajt il-kunsens li tipprovdi d-data personali tiegħek għall-operazzjoni ta’ pproċessar preżenti. Inti tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar li jkun sar qabel ma tkun irtirajt il-kunsens tiegħek.

Tista’ teżerċita drittijietek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tingħata taħt l-Intestatura 9 hawn taħt.

Fejn tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ pproċessar speċifika waħda jew aktar, jekk jogħġbok ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri, ir-Referenza/i tar-rekord tagħhom kif speċifikati taħt l-Intestatura 10 hawn taħt) fit-talba tiegħek.

Informazzjoni ta’ kuntatt

  • Il-Kontrollur tad-Data
    Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew għandek kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew tixtieq tissottometti ilment fir-rigward tal-ġbir u l-użu tad-data personali, jekk jogħġbok ħossok liberu li tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana, l-Unità A2: REGIO-KOHESIO@ec.europa.eu.
  • L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DPO) tal-Kummissjoni
    Tista’ tikkuntattja l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) fir-rigward ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.
  • Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS)
    Għandek dritt tirrikorri (jiġifieri, tista’ tniedi ilment) mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk tqis li drittijietek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 inkisru bħala riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek mill-Kontrollur tad-Data.

Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni dettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha ta’ proċessar tad-data personali mill-Kummissjoni, li jkunu ġew dokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru permezz ta’ dan il-link.

Din l-operazzjoni ta’ pproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tad-DPO bir-Referenza tar-rekord li ġejja: DPR-EC-0083.

L-indirizz IP tal-viżitaturi tal-Kohesio tintuża biex tiġi dedotta l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, filwaqt li tintuża l-funzjoni “Proġetti qrib tiegħi”, li tippermetti li jiġu lokalizzati l-proġetti kollha ffinanzjati mill-politika reġjonali li jinsabu madwar utent. Din l-informazzjoni tiġi pproċessata biex tippermetti l-funzjonament xieraq tal-karatteristika “Proġetti qrib tiegħi” iżda d-data ma tinżammx.